Knisja li tilqa’

Fir‑rakkont ta’ Għemmaws, Kristu “jiftaħ għajnejn” id‑dixxipli hekk kif kienu lesti li joħorġu mill‑fosdqa tan‑niket tagħhom u jagħrfu lill‑“ieħor”. Li tilqa’ jfisser li ddawwar il‑ħarsa tiegħek ’il barra minnek innifsek biex tassew tara lill‑ieħor jew oħra kif inhuma—anke jekk l‑għarfien tad‑differenza jgħinna napprezzaw kemm wara kollox, kollha nixxiebhu u saħansitra aħna l‑istess. Dak il‑ħin li nieħdu r‑riskju li niftħu selħa fis‑swar tagħna u noħorġu minna nfusna biex nibnu relazzjonijiet, hemmhekk niskopru min verament aħna. Il‑frott ta’ din l‑attitudni huwa r‑rikonċiljazzoni vera.

Għalhekk, jikteb il‑Papa Franġisku, “il‑Knisja trid tkun il‑post tal‑ħniena mogħtija b’xejn, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il‑ħajja tajba tal‑Evanġelju” (Evangelii Gaudium, par. 114).

Poplu li hu lest jilqa’ lill‑oħrajn isir iktar kunfidenti bid‑doni uniċi tiegħu—paradossalment, proprju fil‑ġest stess li jaqsam dawn id‑doni mal‑oħrajn. B’dawn il‑ġesti konkreti li jikxfu x‑xewqa tagħna li nibnu ħbiberija ma’ persuni ta’ twemmin differenti, ma’ dawk li mhumiex Maltin, u anke ma’ ħutna li minħabba l‑weġgħat tal‑passat, il‑piki jew sempliċiment il‑fehmiet u l‑opinjonijiet differenti tgħallimna ma nafdawhomx, il‑Knisja Maltija ssir bħal “ħobż li jinqasam” u hekk tiskopri mill‑ġdid is‑sejħa oriġinali tagħha kif imfissra f’Atti 28, jiġifieri li taqsam l‑Aħbar it‑Tajba billi taqdi lil kulħadd, bla ebda distinzjoni.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 32)