Knisja li takkumpanja

Li nkunu poplu “Malti” magħqud bid‑differenzi kollha huwa proċess kontinwu li fih nikbru u nkabbru ’l xulxin ukoll jekk dan iġib miegħu tbatija. In‑natura dejjem tfittex il‑bilanċ—anke meta dan il‑bilanċ jimplika li jiġi pperpetwat ħażen sistemiku u strutturi li ma jiffunzjonawx, li jikkontrollaw iċ‑ċikli ta’ vjolenza iktar milli jsolvuhom. Il‑fejqan ta’ preġudizzji b’għeruq qodma—sabiex “strutturi ta’ dnub” isiru “strutturi ta’ grazzja”—jitlob li ngħaddu minn żminijiet diffiċli ta’ tisfija. L‑akkumpanjament ifisser li jkollna r‑rieda li nbatu flimkien biex ħaddieħor isir aħjar. Ifisser li nkunu lesti li naffrontaw il‑burraxka għax nafu li mingħajrha qatt m’aħna ser naslu għall‑paċi dejjiema.

Il‑Knisja li takkumpanja tgħix mill‑ġdid is‑sagrifiċċju tas‑salib, fejn il‑vittma bla ħtija rebaħ fuq il‑mewt billi ħalla d‑dalma taqa’ fuq wiċċ l‑art kollha. Kien proprju bl‑inżul tiegħu fid‑dlamijiet li Bin il‑bniedem seta’ jeħles lil Adam u lill‑umanità kollha minn art l‑imwiet. Bħalma jgħid Ġesù stess, “Nar ġejt inqiegħed fuq l‑art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!” (Lk 12, 49–50).

L‑akkumpanjament jitlob il‑kuraġġ li timxi ma’ persuna oħra tul it‑triq perikoluża imma meħtieġa li twassal mill‑mewt għat‑twelid mill‑ġdid. Fil‑Knisja tal‑bidu, dan kien iseħħ fil‑katekumenat tal‑adulti, fejn il‑katekist, megħjun mill‑komunità kollha, kien jimita lil Kristu l‑Għalliem billi jakkumpanja l‑katekumenu fil‑passaġġ tiegħu mill‑mewt għalih innifsu għall‑qawmien ma’ Kristu fil‑magħmudija. Din l‑esperjenza kienet ukoll tingħex permezz ta’ għemejjel komunitarji ta’ penitenza u tisfija li influwenzaw ix‑xewqa kontinwa tal‑Knisja biex tkun iktar safja u qaddisa.

“Il‑Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill‑membri tagħha—saċerdoti, reliġjużi u lajċi—ma’ din l‑‘arti tal‑akkumpanjament,’ biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l‑qorq quddiem l‑art qaddisa tal‑persuna l‑oħra (ara Eż 3, 5). Jeħtieġ li l‑mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal‑oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl‑istess ħin ikollha l‑ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il‑maturità fil‑ħajja Nisranija” (Evangelii Gaudium, par. 169). Dan hu li l‑Knisja hi msejħa toffri lin‑nies, b’sensittività u rispett sħiħ. “Bla nnaqqsu xejn mill‑valur tal‑ideal tal‑Evanġelju, jeħtieġ nakkumpanjaw bil‑ħniena u s‑sabar il‑passi ta’ maturità tal‑persuni li huma jibnu jum wara l‑ieħor” (Evangelii Gaudium, par. 44).

Dan il‑passaġġ mis‑salib għall‑qawmien, mill‑mewt għal twelid mill‑ġdid, mill‑ħajja l‑qadima għall‑ħajja l‑ġdida, bħala Nsara ngħixuh ukoll fil‑ħajja tagħna permezz tal‑formazzjoni kontinwa u fis‑sagramenti, b’mod speċjali l‑Ewkaristija, “għajn u quċċata” tal‑ħajja Nisranija.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 33-34)