Knisja li toħroġ

Sal‑aħħar taż‑żminijiet, il‑missjoni tal‑Knisja li xxandar l‑Aħbar it‑Tajba tas‑salvazzjoni u tpoġġiha fil‑prattika għax tkun lesta li tilqa’, tisma’ u takkumpanja tibqa’ għaddejja. Kif jistqarr il‑Papa Franġisku: “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id‑drawwiet, l‑istili, il‑ħinijiet, il‑lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall‑evanġelizzazzjoni tad‑dinja tal‑lum, iktar milli għall‑awtopreservazzjoni” (Evangelii Gaudium, par. 27).

Din il‑missjoni tieħu lid‑dixxipli missjunarji sa truf l‑art (Mk 16, 15; Atti 1, 8): għax hu fil‑periferiji minsijin, fil‑postijiet tat‑tbatija, li Kristu jagħżel l‑ewwel biex jiltaqa’ mal‑bniedem. “L‑għażla favur il‑foqra” tal‑Knisja hija eku tal‑missjoni ta’ Ġesù: “It‑tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l‑morda. Mhux il‑ġusti ġejt insejjaħ, iżda l‑midinbin” (Mk 2, 17). Għalhekk, kif jinsisti l‑Papa Franġisku, hu mill‑periferiji li l‑Knisja tissaħħaħ u ssir iktar għanja. Il‑foqra huma d‑demm u l‑ilma tal‑Knisja għax il‑fidi tagħhom hija l‑iktar soda u profonda.

Il‑Poplu ta’ Alla f’Malta jeħtieġ li jfittex u jersaq qrib tal‑periferiji l‑ġodda tal‑kuntest tagħna. Hija din l‑attitudni ta’ ħruġ li tgħin lill‑Knisja tieħu r‑riskju li tmur fil‑periferiji jew fl‑ambjenti soċjo‑kulturali ġodda, li tfittex lil dawk li huma mbiegħda, u li tkun dejjem lesta tħalli “l‑kriterju pastorali komdu ta’ ‘għax dejjem hekk sar’” (Evangelii Gaudium, 33).

Forsi wkoll il‑periferiji tagħna litteralment qed jilħquna fuq xtutna, bħalma għamlu matul l‑istorja kollha tagħna. Jew forsi qed jispuntaw fostna, fost il‑ġirien tagħna, u li nibqgħu ma nindunawx bihom għax dejjem mgħaġġlin, medhijin infittxu l‑għana, l‑istatus jew l‑aħħar moda u stil ta’ ħajja. Il‑Knisja Maltija qed tintbagħat għand dawk li donnhom ma jidhrux, dawk li sfaw mormija minn ekonomija teknokratika u l‑vanaglorja umana.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 34-35)