Knisja li tisma’

Il‑Papa Franġisku jisħaq fuq l‑importanza ta’ Knisja li tisma’. L‑ewwel u qabel kollox, “jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis‑smigħ tal‑Kelma” (Evangelii Gaudium, par. 174) biex tassew insiru l‑Ġemgħa Qaddisa ta’ Alla.

“Is‑smigħ” jiftaħna għal dak li Alla jrid jgħid lilna, il‑Poplu tiegħu, fl‑istorja tas‑salvazzjoni. L‑ewwel, Hu tkellem “permezz tal‑profeti,” magħżula u midluka biex ikunu ħabbara tiegħu; imma f’dan l‑aħħar żmien, hu bagħat lil ibnu l‑waħdieni, il‑Verb magħmul bniedem, biex jgħammar fostna. U l‑Ispirtu tal‑Verità, li għadu fid‑dinja, ikompli jagħti xhieda għal Kristu u jfarraġ lill‑Knisja tiegħu.

Fl‑Iskrittura, nisimgħu l‑Kelma ta’ Alla li tidwi fl‑istorja tad‑dinja u fil‑qlub ta’ dawk li jixtiequ jkunu wlied Alla tassew; għax “jagħrfuh” bħala l‑Ħallieq. Jekk ma niqfux naħsbu fuq il‑Kelma ta’ Alla fl‑Iskrittura; jekk ma niġux iffurmati f’xebh ma’ Kristu billi nfittxu li niltaqgħu miegħu fl‑istejjer konkreti tal‑Evanġelju, widnejna jittarrxu, għajnejna jingħalqu u qalbna tibbies għal dik il‑grazzja li Alla jixtieq iferra’ fina. Mingħajr il‑Kelma ħajja ta’ Alla, ninxfu u mmutu.

Imma qalbhom kienet taqbad ġewwa fihom meta l‑Mulej Irxoxt fetaħ l‑Iskrittura lid‑dixxipli ta’ Għemmaws. L‑Iskrittura trattab l‑ebusija ta’ qalbna, tiftaħna għall‑Ieħor u għal dawk li Alla ħabbhom sa mill‑bidu.

Meta tiltaqa’ mal‑Kelma, qalbna tinfetaħ u toħroġ ’il barra minnha nfisha. Li noħolqu spazju għal persuni oħrajn bl‑individwalità tagħhom ifisser li nilqgħuhom u nidħlu fiż‑żarbun tagħhom, bħalma Kristu Rxoxt mexa mad‑dixxipli qalbhom maqtugħa. In‑Nisrani, għax hu dixxiplu tal‑Verb magħmul bniedem, hu ffurmat biex ikun attent għall‑oħrajn u, allura, biex jismagħhom.

“Għandna bżonn nitħarrġu fl‑arti tas‑smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk. L‑ewwel ħaġa, fil‑komunikazzjoni mal‑oħrajn, hi l‑ħila tal‑qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l‑ebda laqgħa spiritwali vera. Is‑smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l‑ġest jew il‑kelma t‑tajba li tħarrikna mill‑qagħda trankwilla ta’ spettaturi” (Evangelii Gaudium, par. 171).

Is‑smigħ huwa l‑attitudni li biha wieħed jew waħda jpoġġu lilhom infushom b’mod sħiħ għad‑dispożizzjoni tal‑oħrajn; fejn l‑enerġija u l‑attenzjoni kollha tiegħu jew tagħha tingħata lill‑ieħor jew lill‑oħra. Li tisma’ jfisser li toħloq spazju fik innifsek fejn il‑persuna l‑oħra tħossha fiż‑żgur, tħossha milqugħa kif inhi u, allura, tħossha maħbuba.

Knisja li tisma’ hija Poplu magħqud għax ħoloq spazju komuni fejn ilkoll jistgħu jsiru jafu lil xulxin: “jiena nagħraf in‑nagħaġ tiegħi, u n‑nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l‑Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill‑Missier” (Ġw 10, 14b–15a). Imma l‑Knisja li tisma’ anke fejn hemmil‑firda—b’mod speċjali ma’ dawk li jħossuhom barra l‑merħla—twettaq fil‑prattika dak li Kristu talab mill‑ħbieb tiegħu: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il‑maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10, 16).

Il‑bini ta’ pontijiet permezz tad‑djalogu jibni ġemgħa li titkejjel mhux b’simboli jew sinjali viżibbli ta’ appartenenza imma bix‑xewqa għal spirtu reċiproku ta’ ħbiberija u kollaborazzjoni. Il‑frott ta’ attitudni ta’ smigħ min‑naħa tal‑Knisja jikber u jissaħħaħ fit‑talb flimkien, li jistedinna għal dixxerniment u kontemplazzjoni iktar profondi.

(mid-dokument Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed, 30-32)