Id-Dawl jiddi fid-dlam

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Ħal Għaxaq

Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

Ħlift, u rrid inżomm kelmti,

li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.

Ninsab imnikket għall-aħħar, Mulej;

agħtini l-ħajja skont il-kelma tiegħek.

Ilqa’, Mulej, il-qima ta’ fommi,

u għallimni d-digrieti tiegħek.

Salm 119, 105-108

Emvin Cremona fil-pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi ta’ Ħal Għaxaq joħloq kuntrast bejn l-umiltà tax-xena ċentrali u l-kburija tal-belt ta’ Ġerusalemm li tidher fl-isfond fil-għoli, fuq għolja. Id-dehra ta’ Ġerusalemm fil-bogħod hija pjuttost imdella, f’kuntrast mad-dawl nieżel għal fuq Kristu—dawl li jimla lill-Familja Mqaddsa u li jirrifletti wkoll fuq il-Maġi li fil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù huma wkoll jintlaqtu mid-dawl “divin”. F’din ix-xena, il-Maġi huma l-personifikazzjoni ta’ dak li jħabbar il-Profeta Isaija:

Il-poplu li kien miexi fid-dlam

ra dawl kbir;

in-nies li joqogħdu f’art id-dlam

dawl idda fuqhom.

Is 9, 1

Dan ma jgħoddx għas-Sultan Erodi u l-mexxejja ta’ Ġerusalemm li quddiem it-tħabbira tal-miġja tal-Messija taħt imneħirhom, ftit kilometri biss ’il bogħod, baqgħu indifferenti u ma ċċaqalqux—għajr meta Erodi pprova jeqred id-dawl bla ma rnexxielu. Dawn isiru l-personifikazzjoni ta’ dak li jgħid San Ġwann:

Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.

Ġw 3, 19

Meta tħalli d-dawl jolqot l-eżistenza tiegħek, xejn ma jibqa’ l-istess. Iċaqalqek mill-kumdità tiegħek, tbiegħdek minn darek, imma tagħmlek wild Alla (ara Ġw 1, 12). Quddiem dan il-kuntrast bejn Betlehem u Ġerusalemm, għażel fejn tixtieq tgħix il-ħajja tiegħek, jekk hux għad-dell li jħallik fejn int jew għad-dawl li jesponik imma wkoll jimlik bl-imħabba.