Bla Kategorija

Għalfejn il-Muntanja?

Fix-xenarju tal-Art Imqaddsa jispikkaw id-diversi muntanji u għoljiet. U allura ma jistax jonqos li dawn ukoll jimmarkaw ix-xenarju u l-ġografija tar-rakkonti tal-ġrajja tas-salvazzjoni: il-muntanja Sinaj jew il-Ħoreb, li hija l-muntanja fejn isseħħ il-laqgħa wiċċ imb wiċċ ma’ Alla u tingħata l-liġi qaddisa li permezz tagħha jiġi ssiġillat il-patt bejn Alla u l-poplu tiegħu; l-għolja ta’ Sijon li fuqha tinbena l-belt ta’ Ġerusalemm minn David u t-Tempju minn ibnu Salamun; Elija li, meta l-poplu ma baqax fidil u kien qed jibża’ għal ħajtu, narawh jerġa’ jmur fuq il-Ħoreb biex hemm jikseb kelma u qawwa ġdida mingħand Alla … Nistgħu ngħidu li huwa wieħed mill-postijiet privileġġati fejn iseħħ id-djalogu bejn id-divin u l-uman. U dan narawh anke f’kulturi oħra għax it-tlugħ tal-għolja fiżikament ifisser l-isforz biex nitilgħu ’l fuq, iktar qrib lejn id-divinità meqjuma.

Dan l-element narawh anke fil-ġrajjiet ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelji. B’mod speċjali San Mattew jagħmel enfasi ta’ dan il-punt billi speċifikament ipoġġu l-muntanja jew l-għolja bħala l-post fejn isseħħ il-ġrajja partikolari. Diġà rajna fl-Ewwel Ħadd tar-Randan kif ix-xitan, fost l-oħrajn, jieħu lil Ġesù fuq muntanja għolja bit-tama li jwaqqgħu għalih sabiex jikseb b’faċilità dak li għalih sar bniedem: il-fidwa tal-bnedmin kollha, li l-bniedem jerġa’ jsir ta’ Alla u Alla tiegħu.

Lil Ġesù narawh ukoll jitla’ l-muntanja, f’post ogħla mill-oħrajn, mhux biss biex ikun jista’ jinstema’ iktar ċar mill-iktar nies possibbli—bħalma dahri is-saċerdot kien jipprietka mill-pulptu—imma wkoll għax bħala Mosè l-ġdid huwa minn fuq muntanja li jwassal il-Liġi għall-perfezzjoni tagħha, liema diskors jiftaħ bil-Beatitudnijiet—b’dawk il-barkiet imwiegħda lil dawk li f’għajnejn id-dinja jidhru misħutin jew minn taħt.

U, bħalu, anke d-dixxipli—in-Nisrani individwali imma wkoll il-komunità, il-Knisja—huma msejħa minn Ġesù bħala belt fuq muntanja. Allura mhuwiex ta’ b’xejn li dak li kien Mosè l-ġdid u l-Profeta juża l-muntanja biex fuqha jitbiddel quddiem tlieta mid-dixxipli tiegħu u jidher flimkien ma’ Mosè u Elija, li bħal donnhom il-muntanja kienet il-post tal-mistrieħ u l-konfront tagħhom ma’ Alla.

Il-milja tal-misteru tal-muntanja jintlaħaq f’Ġerusalemm, fejn Ġesù bħal ħaruf ġwejjed li ma jiftaħx fommu, ma jiġix skansat bħal Iżakk fuq l-għolja ta’ Morija, imma jiġi kkundannat għall-mewt u maħruġ ’il barra mill-belt qaddisa, imxaħxħa fuq l-għolja biex tidher minn kullimkien, sabiex jiġi ssagrifikat fuq għolja ċkejkna.

Mhux ta’ b’xejn li, fil-kolletta tat-tifkira tal-Madonna tal-Karmnu, nitolbu sabiex “naslu għand dak li hu l-muntanja vera tagħna,” Ġesù Kristu Sidna. Għax tassew: l-esperjenza tal-fidi hija wkoll tlugħ fuq din il-muntanja, bħalma jiddeskriviha San Ġwann tas-Salib fejn, pass pass, ma’ kull salt li nagħtu biex nitilgħu, aħna nitneżżgħu sabiex nitwaħħdu mal-misteru tas-Salib ta’ Kristu fejn nitilfu kollox biex niksbu lil dak li hu l-kollox. Hija din il-fidi li ssir kapaċi tgħid lil kull muntanja li ssir ostaklu biex tinqala’ u tintefa’ fil-baħar. Hija din l-istess fidi li wara l-qawmien, ittellagħna fuq l-għolja tal-Galilija sabiex nilqgħu mingħand Kristu li mmorru nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u ngħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u ngħallmuhom iħarsu dak kollu li ordnalna hu għax iwegħidna: “jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 19-20).

In-numru 40

In-numru 40 insibuh madwar 146 darba fl-Iskrittura, u dan in-numru jissimbolizza żmien ta’ prova. Mosè nnifsu għex erbgħin sena fl-Eġittu, u erbgħin sena oħra fid-deżert. Huwa għex darbtejn erbgħin jum fuq il-muntanja Ħoreb biex jirċievi l-liġi ta’ Alla. Huwa wkoll bagħat l-ispiji erbgħin jum biex jinvestigaw l-art mwiegħda: “Reġgħu lura mit-tkixxif tal-art wara erbgħin jum” (Num 13, 25).

Il-profeta Ġona xandar billi “daħal il-belt, beda ġurnata mixi, ixandar u jgħid: ‘Erbgħin jum ieħor, u Ninwè ssir ħerba!’” (Ġon 3, 4). U l-Profeta Eżekjel imtedd fuq ġenbu għal erbgħin jum u tgħabba “bil-ħażen ta’ dar Ġuda erbgħin jum, jum għal kull sena” (Eżek 4, 6).

Elija wkoll dam erbgħin jum mingħajr ilma u nbid fuq il-muntanja Ħoreb. Ġesù kien ittentat mix-xitan waqt li kien fid-deżert għal erbgħin jum. U, wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet, dam erbgħin jum qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema.

Il-ktieb tal-Eżodu wkoll fih 40 kapitlu. Miż-żmien li daħlu fl-art imwiegħda, sa żmien is-Sultan Sawl, Iżrael kien immexxi minn numru ta’ Mħallfin. Għalkemm dawn ma kinux slaten, xorta waħda kellhom influwenza kbira fuq il-poplu. Kien hemm uħud minnhom, bħal Debora, li damu erbgħin sena jmexxu. Sawl, David u Salamun, li kienu slaten, damu jsaltnu għal erbgħin sena kull wieħed.

Abraham issara ma’ Alla biex ma jeqridx lil Sodoma u Gomorra: “U jekk issib hemm erbgħin?” U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin” (Ġen 18, 29). Iżakk u Għesaw kellhom erbgħin sena meta żżewġu: “U Iżakk kellu erbgħin sena meta ħa b’martu lil Rebekka” (Ġen 25, 20) u “Meta Għesaw kellu erbgħin sena, ħa b’martu lil Ġuditta bint Beri l-Ħitti, u lil Baxemat bint Elon il-Ħitti” (Ġen 26, 34).

Dawn huma wħud mir-riferenzi fil-Bibbja għan-numru erbgħin. Ir-Randan hu twil erbgħin jum: żmien ta’ preparazzjoni, sagrifiċċju u astinenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-passjoni, mewt u qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

L-Apokalissi … x’jgħidu l-ewwel tliet versi?

L-ewwel kelma tal-ktieb tal-Apokalissi tikxef dak li nsibu fil-ktieb, u tagħti l-isem lill-ktieb innifsu. Il-kelma Apokalissi tfisser tirrivela, u l-ewwel tliet versi ta’ dan il-ktieb jispjegaw x’inhi din ir-rivelazzjoni:

Ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu li tahielu Alla biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu b’dak li għandu jiġri ma jdumx. Alla bagħat lill-anġlu tiegħu jfissirha lill-qaddej tiegħu Ġwanni, li kien xhud tal-kelma ta’ Alla u tax-xhieda mogħtija minn Ġesù Kristu, u ta’ kulma ra b’għajnejh. Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!

Apokalissi 1, 1-3

Din ir-rivelazzjoni iddawwal lill-qarrej, jew lill-persuna li kienet tisma’ dan il-ktieb jinqara, fuq iż-żmien ta’ wara l-mewt ta’ Ġesù. Il-frażi: “ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu” hi frażi unika li nsibuha hawn biss fil-Bibbja—fiha ma nsibu l-ebda verb, u l-isem Ġesù Kristu jieħu forma ta’ titlu solenni għaliex huwa hu li jagħti din ir-rivelazzjoni. L-inizjattiva ta’ din ir-rivelazzjoni ġejja minn Alla.

Fil-ktieb tal-Apokalissi nsibu seba’ beatitudnijiet, u l-ewwel waħda nsibuha f’dawn il-versi: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija u jħarsu dak li hemm miktub, għax iż-żmien qorob!” (Apok 1, 3). Hu vers uniku għaliex fih insibu kemm it-tielet persuna singulari u kif ukoll t-tielet persuna plural. Għalfejn jikteb li ż-żmien qorob? Hawn insibu relazzjoni ma’ dak li nsibu fit-Testment il-Qadim (ara Dan 2, 28). Dak li Danjel ra li ser jiġri, issa l-ktieb tal-Apokalissi qed jindika li dak iż-żmien wasal. Fl-udjenza tiegħu fil-5 ta’ Settembru 2012, Papa Benedittu XVI ta interpretazzjoni analoġika fuq dawn il-versi u qal:

Kelliem jippreżenta lill-assemblea messaġġ li l-Mulej afda lil Ġwanni. Il-qarrej u l-assemblea huma, biex ngħidu hekk, iż-żewġ protagonisti tal-iżvilupp tal-ktieb; sa mill-bidu tiġi indirizzata lilhom tislima festiva: “Hieni dak li jaqra u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ din il-profezija” (1, 3). Sinfonija ta’ talb toħroġ mid-djalogu kontinwu bejniethom u tiżviluppa b’varjetà kbira ta’ forom sakemm tasal għall-konklużjoni tagħha. Meta tisma’ lill-kelliem iwassal il-messaġġ, meta tisma’ u tosserva r-reazzjoni tal-assemblea, it-talb tagħhom għandu t-tendenza li jsir tagħna.

Benedittu XVI, Udjenza Ġenerali, 5 ta’ Settembru 2012

Għalfejn San Ġuda għandu medaljun imdendel m’għonqu?

Ma nafx lilkom, imma lili dejjem qabbditni kurżità l-medaljun bi xbieha ta’ Ġesù mdendel ma’ għonq San Ġuda f’ħafna mix-xbihat tiegħu. Dan l-element fl-ikonografija ta’ San Ġuda għandu l-għeruq f’leġġenda antika ħafna, li tal-anqas tmur lura għar-raba’ seklu fil-bidu tal-Knisja, kif insibuha rrakkuntata minn San Ewsebju ta’ Ċesarija (Historia Ecclesiastica, 1.13).

Jingħad li r-Re Abgar ta’ Edessa (belt fit-Turkija tal-lum) kien marid u, meta sema’ bil-fama ta’ Ġesù, bagħatlu ittra biex jitolbu l-fejqan, filwaqt li joffrilu li jmur għandu biex jaħrab minn dawk li riedu joqtluh. Għalkemm irrifjuta li jmur għax ma riedx jaħrab minn dak li għalih kien mibgħut mill-Missier, Ġesù tant impressjona ruħu bil-fidi ta’ dan ir-re li mesaħ wiċċu f’maktur fejn ħalla xbieha ta’ wiċċu mmarkata fuqu u bagħatdan il-maktur lis-Sultan Abgar, filwaqt li wiegħdu li wara li jkun għadda mis-siegħa tiegħu u jiġi merfugħ ’il fuq, kien ser jibgħtlu wieħed mid-dixxipli tiegħu. Meta ra din ix-xbieha, ir-re poġġiha b’qima kbira f’waħda mis-swali tal-palazz tiegħu.

Waħda mill-verżjonijiet ta’ din il-leġġenda tkompli li, wara t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, ġie mibgħut Taddew (San Ġuda l-Appostlu) għand ir-Re Abgar ta’ Edessa, kif kien wiegħdu Ġesù. U San Ġuda poġġa jdejh fuq ir-Re u dan ġie mfejjaq bil-qawwa tal-isem ta’ Ġesù. Mgħaġġeb b’dan, ir-Re kkonverta għall-fidi nisranija, hu n-nies kollha tas-saltna tiegħu.

Għalkemm ma nafux jekk seħħitx b’mod storiku jew le, żgur li wara dan ir-rakkont hemm moħbija il-verità mill-iktar importanti li dawwlet il-ħajja ta’ dan l-Appostlu qaddis, u ddawwal l-għixien tagħna tas-sejħa tagħna bħala nsara. San Pawl fit-Tieni Ittra lill-Korintin, jikteb hekk:

Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.

2 Kor 3, 18

Maħluqin xbieha ta’ Alla u magħmulin uliedu fil-magħmudija, bħal dak il-maktur fir-ruħ tagħna aħna għandna mmarkata x-xbieha ta’ Kristu, xbieha li tagħtina l-identità u d-dinjità tagħna. Però magħha din ix-xbieha ġġib ukoll responsabbiltà. Bħal San Ġuda, aħna mibgħuta biex “b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej.” Aħna msejħin biex, wara li nħallu l-ħniena ta’ Alla titferra’ fi qlubna, aħna wkoll nersqu lejn ħutna u naqsmu magħhom din il-ħniena, inwasslulhom il-fejqan li ġġib biss il-laqgħa ma’ Kristu msallab u rxoxtat. U ħafna drabi l-Mulej jinqeda bina biex, bħal San Ġuda, wara li nkunu ħallejna d-dija ta’ wiċċ il-Mulej taqa’ fuqna u tibdilna f’xebh ikbar miegħu, aħna ndawru ħarsitna lejn l-oħrajn u nkunu strumenti f’idejn il-Mulej biex fuqhom ukoll jiddi d-dawl tiegħu, iħares lejhom b’ħarsa ta’ mħabba, permezz tal-ġesti konkreti ta’ mħabba, permezz ta’ kelma ta’ ġid, permezz tas-skiet kollu mħabba li lest li jisma’, permezz ta’ ħin li niddedikaw lill-oħrajn.

Bl-interċessjoni ta’ San Ġuda Taddew, nitolbu l-grazzja biex inħallu x-xbieha ta’ Kristu minquxa fina tittrasformana dejjem iżjed f’xebh ikbar miegħu ħalli, imqar permezz tal-ħarsa u tat-tbissima tagħna, “b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej” fuq id-dinja u fuq ħutna l-bnedmin fi żminijietna wkoll.

San Pietru: dak li l-fidi tiegħu tinħall mill-ktajjen

Fl-ewwel ta’ Awwissu l-Knisja kienet tiċċelebra festa ddedikata lill-ktajjen ta’ San Pietru—il-ktajjen li minnhom Pietru kien inħeles meta kien il-ħabs (ara Atti 12, 5-17). Għalkemm Pietru kien inħeles mill-ktajjen waqt li kien il-ħabs, fil-ħajja tiegħu nħeles minn numru ta’ ktajjen li kienu jżommu l-fidi tiegħu lura.

Eżempju ta’ dan huwa fil-ġrajja ta’ Pentekoste, meta Pietru kien dak li qam u ħabbar l-aħbar it-tajba u, permezz tal-kelma tiegħu, madwar tlett elef ruħ kienu mgħammda (Atti 2, 14-41). F’kapitlu 10 tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli nsibuh f’Ġaffa fejn huwa diġà stabbilit bħala mexxej tajjeb tal-knisja; imma hu fi kriżi għaliex ma setax jimmaġina lilu nnifsu jgħix ġo dar ta’ ġentili, fejn jittiekel ikel li kien meqjus impur. Imma hawn Pietru jkollu dehra ta’ liżar miftuħ li minnu bdew niżlin kull tip ta’ annimali meqjusa impura, u jisma’ l-kmand:

“Qum, Pietru, oqtol u kul.”  Imma Pietru wieġeb: “Ma jkun qatt, Mulej! Jien qatt ma kilt ikel profan u mniġġes.”  U l-leħen tennielu għal darb’oħra: “Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.”  Dan ġara għal tliet darbiet. Imbagħad, f’daqqa waħda, dik il-ħaġa qisha liżar reġgħet ittieħdet ’il fuq lejn is-sema.

Atti 10, 13-16

Din il-bidla f’Pietru tista’ kważi tkun meqjusa bħala t-tieni konverżjoni tiegħu. Din il-bidla f’Pietru turih jinħall minn dawk il-ktajjen tal-fidi tiegħu li kienu qed iżommuh lura milli jsir jaf lil Alla. Il-bidla f’Pietru hija proċess u vjaġġ; u din tiġi mis-sejħa tiegħu minn Alla biex iħalli l-fidi tiegħu tmexxih ’il quddiem.

Bħal Pietru, ma nistgħux norbtu il-fidi tagħna bil-ktajjen u nħarsu biss lejn il-passat, imma rridu nkunu lesti li nivvjaġġaw f’din il-mixja ta’ fidi flimkien, għaliex il-fidi tbiddel lill-persuna kontinwament. Kif qal San Pietru nnifsu fid-dar ta’ Kornelju:

“Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun. Huwa bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox.”

Atti 10, 34-36

Hemm differenza bejn il-qawmien ta’ Lazzru mill-imwiet u dak ta’ Kristu?

Il-qawmien mill-imwiet huwa ċentrali għall-fidi nisranija, infatti fil-Kompendju tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nsibu miktub li “l-Qawmien ta’ Ġesù mill-mewt huwa l-qofol tal-verità tal-fidi tagħna fi Kristu, u flimkien mas-Salib, jirrappreżenta parti essenzjali mill-Misteru tal-Għid.”

Fit-Testment il-Qadim insibu li l-poplu ta’ Iżrael kien diġà jemmen li l-qawmien mill-imwiet huwa f’idejn Alla. F’Salm 49 insibu: “Imma lili Alla jifdili ħajti, mis-setgħa tal-imwiet żgur jaħtafni” (Salm 49, 16). Fit-Testment il-Ġdid insibu numru ta’ mirakli li Ġesù għamel, u fi wħud minn dawn insibu lil Ġesù jqajjem nies mill-mewt (Lq 8, 49-56, il-qawmien ta’ Bint il-kap tas-sinagoga; Ġw 11, 38-44, il-qawmien ta’ Lazzru; Lq 7, 11-15, il-qawmien tat-tifel tal-armla ta’ Najn). Wieħed mir-rakkonti l-iżjed famużi huwa dak tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Lil Lazzru Ġesù jikkmandah biex joħroġ mill-qabar, filwaqt li l-kelma Griega għall-qawmien hija anastasis, li tfisser tlugħ. Iżda hemm differenza bejn risuxxitazzjoni kif ġara lil Lazzru u riżurezzjoni.

Fid-29 ta’ Lulju tiġi ċċelebrata t-tifkira obbligatorja ta’ Santa Marta, Santa Marija (ta’ Betanja) u San Lazzru. Jekk inħarsu lejn id-differenza bejn il-qawmien ta’ Lazzru u ta’ Kristu, Lazzru kien imqajjem għal ħajja fiżika, filwaqt li fir-riżurezzjoni tal-ġisem, kif jgħid San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin, fil-“qawmien mill-imwiet; jinżera’ ġisem li jitħassar, iqum ġisem li ma jitħassarx; jinżera’ fl-għajb, iqum fil-ġieħ; jinżera’ fid-dgħufija, iqum fis-saħħa; jinżera’ ġisem naturali, iqum ġisem spiritwali” (15, 42-45). Xi differenzi huma li, filwaqt li Lazzru jerġa’ jmut, Kristu jqum mill-imwiet għall-eternità. Barra minn hekk, fil-qawmien ta’ Ġesù, meta Marija ta’ Magdala, id-dixxiplu l-maħbub u Pietru jmorru jżuru l-qabar, isibu l-biċċiet tal-għażel li kienu ntużaw fit-tkeffin ta’ Ġesù mitwijin, Lazzru jqum bil-lożor użati mkebbin miegħu, u huwa Ġesù li jordnalhom biex ineħħuhomlu.

Meta Ġesù jasal quddiem il-qabar ta’ Lazzru, huwa jgħid: “‘Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?’ ‘Iva, Mulej,’ weġbitu, ‘Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.’” (Ġw 11, 25-27). Jien kemm nemmen f’dan?

Marija ta’ Magdala: dik li tħalli l-fidi u mhux il-kurżità tegħlibha

Fl-2016 Papa Franġisku ta iżjed importanza lil Marija ta’ Magdala, għaliex għolla t-tifkira tagħha għal festa. Fl-Evanġelju skont San Ġwann, hi għandha rwol importanti għaliex tkun hi l-ewwel waħda li tmur ħdejn il-qabar ta’ Ġesù, u tkun hi li ssibu vojt u tmur twassal din l-aħbar lil Pietru u lid-dixxiplu l-maħbub li mal-ewwel jitilqu lejn il-qabar biex jaraw.

F’San Ġwann f’kapitlu 20, 1-10, l-evanġelista juża tliet verbi differenti ta’ kif dawn it-tliet personaġġi jħarsu lejn il-qabar vojt:

  • Marija ta’ Magdala tara l-qabar vojt—l-evanġelista juża l-verb blepo (βλέπω).
  • Id-dixxiplu l-maħbub meta jasal u jħares minn barra, ukoll jiġi deskritt li ra b’dan il-verb. Ifisser li sempliċiment tħares b’ħarsa ta’ malajr, mhux fid-dettal, jew b’xi profondità tal-qalb; ifisser li tħares biss bl-għajnejn.
  • Pietru jara u huwa deskritt bil-verb teoreo (θεωρέω), il-verb li minnu toħroġ il-kelma teatru, fejn l-ispettaturi jridu jikkonċentraw fuq x’qed jaraw biex jifhmu—tosserva x’hemm/you guard.
  • Id-dixxiplu l-maħbub jara u jemmen (ὁράω). Il-verb horao jimplika li wieħed jara iżjed b’mod spiritwali, b’mod profond. Fil-fatt, il-verb to know ukoll ġej mill-verb horao: l-għarfien jimplika li tara bi kjarezza kbira. Taħt is-salib meta Ġesù jara lil ommu u lid-dixxiplu l-maħbub insibu wkoll l-użu tal-verb (horao).

F’din ix-xena ta’ Marija ta’ Magdala, Pietru u d-Dixxiplu l-maħbub, insibu xena sabiħa tal-Knisja sinodali li timxi flimkien għall-fidi f’Ġesù. F’dan il-passaġġ insibu tliet personaġġi li ħarsu lejn il-qabar—il-qabar li jindika l-glorifikazzjoni. Imma nsibu wkoll tliet modi kif iħarsu, u dan huwa espress fl-użu differenti tal-verbi Griegi li nsibu f’dawn il-ftit vrus.

Għalkemm Marija ta’ Magdala ma daħlitx, kienet hi li waslet lil dawn id-dixxipli l-oħra jagħmlu esperjenza tal-Mulej. Marija, għalkemm ma daħlitx fil-qabar, tiltaqa’ ma’ Ġesù barra l-qabar.

Papa Franġisku jikteb fuq Marija ta’ Magdala u jgħid:

Hu waqt li tinsab mixħuta ħdejn il-qabar, b’għajnejha mimlija dmugħ, li Alla jissorprendiha bl-aktar mod mhux mistenni. L-evanġelista Ġwanni jagħfas fuq kemm kien persistenti l-għama tagħha: lanqas tintebaħ bil-preżenza ta’ żewġ anġli li jistaqsuha, u lanqas jgħaddilha minn moħħha l-iċken suspett meta tara lil dak ir-raġel li tfaċċa minn wara spallejha, li hi ħasbitu għassa mal-ġnien. Imma hekk tiskopri l-aktar ġrajja straordinarja tal-istorja umana meta sa fl-aħħar tisma’ min isejħilha b’isimha: “Marija!” (v. 16) … U Ġesù jsejħilha: “Marija!”: ir-rivoluzzjoni ta’ ħajjitna, ir-rivoluzzjoni ddestinata li tibdel il-ħajja ta’ kull bniedem, tibda bl-eku ta’ isem fil-ġnien tal-qabar vojt. L-Evanġelji jfissrulna l-ferħ ta’ Marija: il-qawmien ta’ Ġesù mhuwiex ferħ li jinżel qatra qatra, imma kaskata sħiħa li xxarrab għasra l-ħajja kollha.

Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali, 17 ta’ Mejju 2017

Min hu Elija l-Profeta?

Elija, flimkien ma’ Mosè, huwa meqjus bħala wieħed mill-iżjed Profeti importanti tat-Testment il-Qadim. L-isem Elija bl-Ebrajk ifisser “Alla huwa l-Alla tiegħi”. Bl-Għarbi huwa msejjaħ “El Khader”—dak li huwa b’saħħtu. Il-Missirijiet tal-Knisja jqisu lil dan il-profeta bħala eżempju għall-profeti l-oħra, l-ifqar fost il-fqar, u l-fundatur tal-ħajja Monastika.

Fit-tradizzjoni Ebrajka, Alla huwa meqjus dak li f’idejh għandu erba’ ċwievet: waħda tax-xita, waħda tal-ħajja, waħda tal-qawmien u waħda għall-ikel (ara Targum Neofiti I), u Elija huwa meqjus bħala dak li għandu aċċess għal dawn iċ-ċwievet. Fost il-mirakli li għamel Elija, insibu li, wara perjodu ta’ nixfa, wassal biex jinfetħu bibien is-sema. Fl-ewwel ktieb tas-Slaten (18, 19-46), insibu t-tmiem tan-nixfa, u nsibu miktub dan: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar.” Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: ‘Arma l-karru u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita’.” Huwa dak ukoll li qajjem lit-tifel tal-armla ta’ Sarefat. Fuq il-muntanja tal-Karmel huwa hu li jisfida lil Ġeżabel u l-qassisin ta’ Bagħal. Fit-Testment il-Ġdid, Elija jissemma madwar tletin darba, fost l-oħrajn insibuh ħdejn Ġesù fil-mument tat-trasfigurazzjoni tiegħu.

Il-Patrijiet Karmelitani, li din il-ġimgħa qed jiċċelebraw il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, għandhom rabta kbira mal-Profeta Elija. Bħal Elija, il-Karmelitani jitgħallmu biex jisimgħu lil Alla fis-silenzju. Infatti, l-ewwel eremiti tal-muntanja tal-Karmelu bnew il-kmamar tagħhom madwar il-kappella għaliex din hija ċ-ċentru ta’ ħajjithom. Id-devozzjoni tal-Karmelitani lejn il-Profeta Elija għadha ħajja. F’Malta, il-Karmelitani waslu fis-sena 1418 meta n-nobbli Margarita D’Aragona ħalliet kappella u l-art tal-madwar fil-limiti tar-Rabat lil dawn il-patrijiet. Minn hemm huma nfirxu f’postijiet oħrajn f’Malta, fosthom fil-Belt Valletta, fl-Imdina, u fi żminijiet iżjed riċenti fi Fleur-de-Lys, Santa Venera, il-Balluta u l-Fgura.