Bla Kategorija

Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?

F’dan l-artiklu ser niffokaw fuq versi 6-8 mir-rakkont tat-Tlugħ tal-Mulej fis-sema kif insibuh miktub fl-Atti tal-Appostli kapitlu 1—rakkont li qrajnieh bħala l-Ewwel Qari l-Ħadd li għadda.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”

Atti 1, 6

Ħafna kienu stennew li l-Messija ser jillibera lill-poplu mill-ħakma tar-Rumani. Peress li Ġesù, tul iż-żmien tiegħu fid-dinja, ma għamilx dan, id-dixxipli ħadu l-opportunità biex jistaqsu dan eżatt qabel ma’ Ġesu kellu jħallihom. Fit-triq lejn Għemmaws, Kleofa jgħaddi l-istess rimarka, fejn huwa u jkellem lil Ġesù jgħidlu: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!” (Lq 24, 21).

Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”

Atti 1, 7-8

Kristu jirrifjuta li jwieġeb din il-mistoqsija politika. It-tweġiba tiegħu mhix ċanfira, iżda hija tweġiba li fiha elementi kemm negattivi (“mhijiex”), u kif ukoll pożittivi (“imma”). Huwa Alla l-Missier biss li jaf meta dan ser jiġri. Waqt li għadhom fid-dinja, huma ser jirċievu l-Ispirtu ta’ Alla li permezz tiegħu huma ser ikunu jistgħu jagħtu xhieda—din hija tema ċentrali fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, li l-poplu huwa msejjaħ biex jagħti xhieda dwar dak li għamel  u għallem Ġesù. Kif insibu miktub f’ San Luqa: “li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu” (Lq 21, 47-49).

Barnaba – Bin il-faraġ!

Fit-Tieni Qari tal-Ħames Ħadd ta’ Żmien il-Għid nisimgħu rakkont mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli Kapitlu 14, fejn insibu li “ Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla” (versi 21-22).

Barnaba kien imsejjaħ b’dan l-isem għaliex ismu l-propju kien Ġużeppi minn Ċipru. L-isem Barnaba ifisser “iben il-konsolazzjoni/faraġ.” Jissemma fil-bidu tal-ktieb tal-Atti bħala wieħed li kellu xi artijiet li mar ibiegħhom biex jagħti l-flus lill-Appostli f’Ġerusalemm. Infatti fl-Atti nsibu miktub li “Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri bin il-faraġ; dan kellu għalqa, biegħha, u l-flus li daħħal minnha mar iqegħedhom f’riġlejn l-appostli” (Atti 4, 36-37). Kien ftit żmien wara li huwa ingħaqad ma’ Pawlu fil-missjoni tiegħu ta’ evanġelizzazzjoni.

Barnaba kien karattru b’saħħtu, u ma kienx jibża’ minn mumenti diffiċli. Anke meta l-insara kienu għadhom imbeżżgħin minn Pawlu għaliex ma kinux għadhom emmnu li huwa nbidel, kien Barnaba li ħadu għandhom (Atti 9, 26-31). Ftit żmien wara, Pawlu u Barnaba nfirdu minn xulxin, fejn Barnaba ngħaqad ma’ Marku fil-missjoni tiegħu (Atti 15, 36-42).

L-Iskrittura tiddiskrivi lil Barnaba bħala bniedem ta’ ħlewwa, hieni, u entużjast għall-fidi: “hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u bil-fidi” (Att 11, 24).

Il-Knisja fl-Atti tal-Appostli

L-Atti tal-Appostli nsibuh fit-Testment il-Ġdid eżattament wara l-Evanġelji. Huwa ktieb miktub minn San Luqa li fih jirrakkonta kif l-Ispirtu s-Santu baqa’ jmexxi lill-Knisja wara l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. L-ewwel parti ta’ dan il-ktieb tiffoka fuq il-missjoni ta’ Pietru, filwaqt li t-tieni parti ta’ dan il-ktieb tiffoka fuq il-missjoni ta’ Pawlu. Il-Knisja skont Luqa kienet imwaqqfa f’Pentekoste fl-istess sena meta Ġesù kien imsallab u qam mill-imwiet. Kienet inawgurata meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli. Minn ftit nies żdiedu ħafna: “ħafna minn dawk li kienu semgħu l-kelma emmnu, u l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ” (Atti 4, 4). Dawn kienu nsara entużjasti ħafna.

Għall-bidu, meta fl-Atti tal-Appostli Luqa jkellem lill-Knisja, huwa qed jirreferi għall-Knisja ġo Ġerusalemm, għaliex s’issa ma kien hemm l-ebda knisja oħra ħlief dik f’Ġerusalemm. Huwa mill-kapitlu 13 ’il quddiem li nsibu nies oħrajn barra Ġerusalemm li jiffurmaw parti mill-Knisja. Pawlu fl-ittri tiegħu jirreferi għall-knejjes fil-plural filwaqt li Luqa jirreferi għall-Knisja fis-singular (ara Gal 1, 22; 1 Tess 2, 14).

Luqa jikteb fuq il-knisja f’Ġerusalemm u jirreferi għal żewġ tipi ta’ mexxejja: l-appostli u l-presbiteri (ara Atti 11, 30). Pietru huwa l-appostlu dominanti f’dan il-ktieb, filwaqt li Ġakbu huwa l-presbiteru dominanti. L-aħħar darba li Pietru jissemma huwa fil-kunsill ta’ Ġerusalemm (ara Atti 15:7-11), fejn hawn jagħmel diskors imqanqal ħafna.

Il-Widien tan-Negeb

Fis-salm tal-Ħames Ħadd tar-Randan (Salm 125[126]) tlabna lill-Mulej biex:

Biddel, Mulej, xortina

bħall-widien tan-Negeb!

Salm 125, 4

Dan is-salm huwa salm ta’ ringrazzjament! Il-Mulej ħareġ lill-poplu ta’ Iżrael mid-deżert tal-iskjavitu, għal-libertà tal-art li tnixxi l-ilma. Kif jirrakkonta Isaija:

Xmajjar ta’ ilma nfawwar fuq l-għoljiet għerja, u għejun f’nofs il-widien. Nibdel id-deżert f’għadira ilma, u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma. Inxettel iċ-ċedri fid-deżert, il-gazzi, u r-riħan, u s-siġar taż-żebbuġ; intella’ ċ-ċipress fix-xagħri, u magħhom id-dolf u l-bux; biex hekk jaraw u jagħrfu, jaħsbu u jifhmu wkoll, li id il-Mulej għamlet dan, u l-Qaddis ta’ Iżrael ħalqu.

Is 41, 18-20

Għalfejn is-salmista jitlob lil Alla jbiddel ix-xorti tagħhom bħall-“widien tan-Negeb”? L-ewwel tliet versi jirreferu għar-ritorn ta’ Alla fil-passat, waqt li fir-raba’ vers insibu bidla għall-preżent u għall-futur.

Il-widien tan-Negeb huwa widien fin-naħa ta’ isfel ta’ Iżrael. Għalkemm huma viċin ħafna tad-deżert, meta tagħmel ix-xita dawn malajr jimtlew. Fi studji arkeoloġiċi li saru f’dawn in-naħat sabu li kien hemm sisteni mibnija min-nies ta’ dak iż-żmien biex, minn dawn il-widien, jiddirezzjonaw l-ilma biex imur fl-irħula tan-nies fil-viċinanzi. L-ilma kien neċessità enormi għall-għixien tan-nies, u għalhekk is-salmista qed jitlob li Alla jerġa’ jibgħat dak l-ilma tax-xita li kien ifawwar il-widien.

Il-poeta qed jesprimi l-ħsieb tiegħu permezz ta’ simboliżmu agrikolu u ġeografiku. L-istorja tas-salvazzjoni Lhudija tixhed li l-istorja ta’ Iżrael hi bħall-istaġuni li fiha mumenti kemm ta’ nixfa kif ukoll ta’ ħsad. Il-komunità fl-eżilju kienet bħad-deżert, iżda tista’ wkoll terġa’ tagħti l-frott tagħha bis-saħħa tal-ilma tal-Mulej. Dak li jitlob is-salmista fil-ħames vers: “Dawk li jiżirgħu fid-dmugħ jaħsdu bl-għana ta’ ferħ,” insibuh f’dak li jgħid Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24). Dan il-kliem mimli simboliżmu juri kif fl-aħħar mill-aħħar huwa Alla li jmexxi l-istorja.

Ġożwè l-Ispija!

Fil-kotba tal-Eżodu u tan-Numri, Ġożwè huwa ppreżentat bħala assistent ta’ Mosè. Ġożwè huwa wieħed mit-tnax-il spija li Mosè jibgħat biex jiskopri l-art ta’ Kangħan: “Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: ‘Ibgħat xi rġiel jitkixxfu l-art ta’ Kangħan li jien se nagħti lil ulied Iżrael. Ibgħat wieħed minn kull tribù ta’ missirijiethom. Ilkoll mill-kapijiet fosthom’” (Num 13, 1-2). Dawn damu fl-art ta’ Kangħan erbgħin jum b’kollox u marru lura għand Mosè b’aħbar: “‘Morna fl-art li intom bgħattuna nitkixxfu, u tassew tnixxi ħalib u għasel; u dan hu l-frott tagħha; iżda n-nies li joqogħdu fiha huma nies ta’ saħħa, u l-ibliet magħluqa bis-swar u kbar ħafna. Hemm rajna ’l ulied Għanak; l-Għamalekin li jgħammru fin-Negeb; il-Ħittin, il-Ġebusin, l-Amurrin li jgħammru fuq l-għoljiet; u l-Kangħanin li jgħammru n-naħa tal-baħar u max-xtut tal-Ġordan’”(Num 13, 27-29). Apparti Kaleb u Ġożwè, l-ispiji l-oħra ma ridux immorru f’din l-art, iżda pesta ħakmet lill-poplu u l-ispiji kollha ħlief Ġożwè u Kaleb mietu.

Skont rakkont Rabbiniku (Mishnah Taanit 4, 6) fil-festa Lhudija Tisha B’Av , il-poplu Lhudi jsum bħala riparazzjoni għad-dnubiet kbar li għamel fil-passat. Wieħed minn dawn id-dnubiet il-kbar kien ta’ dawn l-għaxar spiji l-oħra ppruvaw ixekklu l-pjan ta’ Alla li jwassal lill-poplu Lhudi fl-art li kien wegħidhom.

Wara l-mewt ta’ Mosè, Ġożwè kien magħżul biex imexxi lill-poplu f’din l-art. Infatti l-ktieb ta’ Ġożwè jibda hekk: “Wara l-mewt ta’ Mosè, il-qaddej tal-Mulej, il-Mulej qal lil Ġożwè bin Nun, il-qaddej ta’ Mosè: ‘Mosè, il-qaddej tiegħi, miet. Issa qum u aqsam dan il-Ġordan, int u dan il-poplu kollu ta’ Iżrael, lejn l-art li jien se nagħtikom’” (Ġoż 1, 1-2).

JIEN LI JIEN – L-isem ta’ Alla

Fil-ktieb tal-Eżodu, Alla jikkomunika ismu lil Mosè. F’Eżodu 3, 14, mis-siġra taqbad Alla jgħid li ismu bl-Ebrajk huwa: Ehjeh asher ehyeh—tradott fil-bibbja bil-Malti bħala “JIEN LI JIEN.”Mill-aspett narrattiv, dan l-isem iqajjem suspans, kurżita u sorpriża.

Suspans: Meir Sternberg jgħid li “In art as in life, suspense derives from incomplete knowledge about a conflict (or some other contingency) looming in the future. Located at some point in the present, we know enough to expect a struggle but not to predict its course, and above all its outcome, with certitude.” Ir-rivelazzjoni tal-isem divin isir f’ambjent ta’ suspans: min ser jirbaħ, Mosè jew il-Fargħun? L-isem ta’ Alla jista’ jkun tradott ukoll bħala: jien ser inkun dak li ser inkun, u hekkiservi bħala katalista għal dan is-suspans. Il-verb fl-imperfett ehyeh iqajjem dan is-suspans, imma fl-aħħar mill-aħħar huwa Alla li joħloq dan is-suspans u n-narratur hu dak li qed jara dan jiżvolġi quddiemu.

Kurżita: Skont Sternberg, “Unlike suspense . . . curiosity bears on things past relative to the moment of their becoming of interest . . . The question relates to an accomplished fact in the world: an incident, relationship, motive, character trait, plot logic, which has already played some part in the determining of the narrative present.” Ir-rivelazzjoni tal-isem ta’ Alla ssir kemm f’ambjent li jirreferi għall-passat, kif ukoll għall-futur. Infatti, Alla jfakkar lil Mosè f’missirijietu. F’dan il-każ il-verb ehyeh jista’ jkollu aspett abitwali, u hekk l-isem ta’ Alla jiġi tradott bħala: “jien irrid inkun dak li irrid inkun.” Dan il-verb hekk jista’ jkun li jservi pont bejn missirijiet Mosè u dak li Mosè irid jagħmel.

Sorpriża: Rigward is-sorpriża, Sternberg jikteb li: “The production of surprise, depends on the reader’s being lured into a false certitude of knowledge in such a way that the gap will surface only at the moment of its filling.” Dan l-isem ta’ Alla żgur li joħloq sorpriża. Meta Alla jgħidlu x’jismu, Mosè jibqa’ sieket. Imma l-ikbar sorpriża li għad trid titħabbar lil Mosè nsibuha fil-kapitli tal-Eżodu 32-34.

Għalkemm Alla jirrivela ismu, il-karattru ta’ Alla huwa karattru li jiżvela lilu nnifsu tul il-kapitli tal-Bibbja. Dan l-isem jagħti identita’ lil Alla li qed jiżvela b’mod kontinwu lilu nnifsu.

Jiena Marija, tfajla minn Nazaret

Jiena Marija, tfajla minn Nażaret fil-Galilija.

L-anġlu tal-Mulej ġie għandi… u ħawwadni.

Qalli li “mimlija bil-grazzja” jien … u li “l-Mulej miegħi.” Kont wisq maħsuda biex nifhem il-kliem… kelli elf mistoqsija… imma l-ebda minnhom ma flaħt inlissen meta qatgħani bl-ikbar aħbar.

“Se tnissel fil-ġuf u jkollok iben… u ssemmieh Ġesù…”

Dejjem xtaqt ikolli iben … jista’ jkollok grazzja ikbar minn dik? li tqaddes id-dar bl-ulied li jsejħulek Ma’? … Imma jien għadni xebba… Iva, mwiegħda lil Ġużeppi … raġel twajjeb… Imma għadu ż-żmien biex ikun missier uliedi.

Imma xi ħaġa fi kliem l-anġlu nstemgħet urġenti… Tatni x’nifhem li ma kienx qed jgħid biss li se nkun omm… xi darba… fi ftit snin…

“Miniex nifhem”… xtaqt ngħidlu…. Imma minflok lissint l-ewwel dubju li ġieni f’moħħi… “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”

Il-kliem li lissen l-anġlu wara baqa’ jidwi f’widnejja… Moħħi ma fehemx, imma qalbi ntliet bil-ferħ.

Il-Messija… dak imwiegħed… is-Sultan… Bin Alla… Qaddis…

U tassew ħassejt l-Ispirtu nieżel fuqi… jikkonsagrani… bħal tempju tal-Mulej… bħal profeti taż-żminijiet… bħal David innifsu li lilu ingħata t-tron ta’ missirijietna.

Kont mitlufa… imma l-anġlu smajtu jgħidli li anke Eliżabetta kienet tqila. Kif jista’ jkun dan?? Mara tant kbira fl-età??

Għalhekk tlaqt… Mort infittixha… Mort għandha… nipprova nifhem x’kien se jsir minni. Forsi hi kellha r-risposta li qalbi mħawda kienet tixtieq.

U meta sibtha, tassew b’tarbija f’ġufha, erġajt ħassejt l-istess ferħ … u hi kkonfermat.

U jien fl-aħħar fhimt.

Iva, jiena ukoll kont tqila u ma kelliex għalxiex nibża.’
Għax anke jekk jien dgħajfa… u ma jien xejn… il-Mulej kien tassew miegħi u Hu tassew kbir…

Għalhekk leħni ogħla… għalhekk tennejt…

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja,
għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
bħalma wiegħed lil missirijietna,
b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.”

Iva… jiena l-iċken fost il-qaddejja tiegħu. Imma hu ma jqisx bil-kejl tad-dinja.

Mhux il-poter, mhux il-flus, mhux is-saħħa politika jimpressjonawh. Lanqas l-għerf tad-dinja, ta’ dawk li jafu minn fejn għandhom jgħaddu biex tiġihom żewġ.

Li jagħżel… li jqaddes… li jagħmel tiegħu, hija r-ruħ sempliċi li ma tfittixx li hu tagħha… li ma hiex supperva… imma li tirċievi l-grazzja b’umiltà.

Jien min jien biex għażiltni fost in-nisa?
Jien min jien biex qaddistni biex inkun omm ibnek?
Jien min jien biex għollejtni fuq in-nisel ta’ Abraham?

Jien, Marija, tfajla… mill-belt ta’ Nażaret fil-Galilija.

Imma jien ukoll il-Magħżula mill-Mulej … minn ġuf ommi… u minn ġuf ommha… u omm ommha…

Fiċ-ċokon tagħna, lilna li d-dinja ma tafniex, il-Mulej għażel mill-bidu taż-żminijiet biex inwelled lill-Messija … li jġib il-ħelsien lill-imjassrin.

Permezz taż-żgħar, tad-dgħajfa, tal-imwarrbin, tal-minsijin… Hu tassew juri l-qawwa ta’ mħabbtu… li tirbaħ id-dinja.

Lili, li jiena ċkejkna, li lanqas raġel ma nagħraf, il-Mulej għamilni Omm il-ħajjin.

Lili l-qaddejja tal-Mulej, li d-dinja kienet tikkundannani kieku Ġużeppi ma ħennx għalija… lili, l-Mulej għamilni tassew hienja għal dejjem.

Għax bl-iva tiegħi, bid-dubji tiegħi, bil-biżgħa tiegħi… is-Setgħani tassew għamel ħwejjeġ kbar. “Qaddis” hu tassew l-isem ta’ dak li ħabbni… minn dejjem.

Abraham: Missierna fil-fidi?

Fl-Iżlam, fil-Ġudaiżmu u fil-Kristjaneżmu hemm xi ħaġa komuni: li t-tliet reliġjonijiet iqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi għaliex Abraham għandu rwol importanti fl-istorja! Għal-Lhud, Abraham huwa dak li minnhu ġew mnissla l-Lhud kollha. Abraham huwa missier Iżakk u n-nannu ta’ Ġakobb li huwa mogħti l-isem Iżrael u li jnissel tnax-il iben li jissimbolizzaw lit-tnax-il tribu ta’ Iżrael.

Abraham huwa msejjaħ minn Alla fejn Alla jgħidlu: “Jiena l-Mulej li ħriġtek minn Ur tal-Kaldin, biex nagħtik din l-art b’wirt” (Ġen 15, 7). Fil-ktieb tal-Ġenesi nsibu wkoll li: “Jien nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka” (Ġen 12, 2).

L-insara jqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi, li kien ubbidjenti. Kif jikteb San Pawl fl-ittra lill-Galatin: “Hekk, Abraham “emmen lil Alla, u dan kien magħdud lilu għall-ġustifikazzjoni” (3, 6). Fl-iskrittura nsibu li dawk kollha li jemmnu ser ikunu ġġustifikati: “U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art talli smajt minn kelmti” (Ġen 22, 18).

Fl-Iżlam, fil-Kuran, Abraham huwa msejjaħ Ibraħim, fejn huwa mogħti ġieħ għall-ubbidjenza, kif ukoll huwa meqjus bħala wieħed mill-profeti ta’ Allah li huwa ħabib ta’ Alla, kif ukoll huwa meqjus bħala eżempju għall-umanità.

Għalkemm hemm differenzi kbar bejn il-Lhud, l-Insara u l-Misilmin, dawk it-tliet reliġjonijiet iqisu lil Abraham bħala missierhom fil-fidi.

Għalfejn Mosè jagħmlulu l-qrun fuq rasu?

X’jiġrilu lil Mosè meta jiltaqa’ ma’ Alla? Wiċċu jsir jiddi jew irabbi par qrun? Meta nħarsu lejn l-ikonografija ta’ Mosè, ta’ spiss narawh b’par qrun fuq rasu. Skond dak li nsibu fil-Bibbja, meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja Sinaj, wiċċu nbidel. Infatti naqraw dan fil-ktieb tal-Eżodu:

Ġara li, meta niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, Mosè ma kienx jaf li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla.

Eżodu 34, 29

Il-verb tiddi, bl-Ebrajk huwa (קרנ – qrn). Ir-rakkont f’Eżodu 19 jikkonkludi dak li jiġri fuq il-muntanja Sinaj. Meta l-poplu Lhudi jasal hemm, Alla jgħid lil Mosè, “li jekk tisimgħu leħni u żżommu l-patt tiegħi, intom tkunu l-wirt tiegħi minn fost il-popli kollha” (19, 5), u joffri li jagħmel patt ma’ dan il-poplu. Mosè meta jiltaqa’ ma’ Alla, wiċċu jsir jiddi, imma Mosè stess ma jafx dan għaliex huwa l-poplu li jara ’l wiċċu jiddi. Dan il-verb, qajjem numru ta’ argumenti tul l-istorja għaliex fil-forma ta’ nom, qeren,ifisser qrun. Xi raġunijiet prinċipali għalfejn jiġi tradott bħala jiddi u mhux bħala qrun huma dawn:

  1. Is-suġġett tal-verb qrn huwa l-wiċċ u mhux ir-ras. Hija improbabbli li l-wiċċ ta’ Mosè kellu l-qrun, mingħajr hu stess ma jinduna.
  2. Simbolu bħal qrun ma jagħmilx sens fid-dawl ta’ dak li għaddha minnhu Mosè.
  3. Il-maġġoranza tat-traduzzjonijiet prinċipali, apparti mill-Vulgata, jittraduċu dan il-verb bħala tiddi.

Peress li l-Vulgata (il-Bibbja tradotta mil-lingwi oriġinali għal-Latin minn San Ġirolmu) kienet it-traduzzjoni tal-Bibbja użata għal ħafna snin, Michelangelo bbaża l-iskultura tiegħu ta’ Mosè fuq dak li hemm miktub f’din it-traduzzjoni tal-Bibbja:

Cumque descenderet Moyses de monte Sinai, tenebat duas tabulas testimonii, et ignorabat quod cornuta esset facies sua ex consortio sermonis Domini.

Meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, hu ma kienx jaf li kellu ll-qrun f’ wiċċu għaliex kien qorob lejh Alla.

Huwa għalhekk li Michelangelo skolpa lil Mose bil-qrun f’rasu—dawn il-qrun tul l-istorja kienu jiġu interpretati bħala simboli ta’ għerf u tmexxija.

Il-liturġija tas-Sigħat: talba tal-qassisin biss?

Il-Liturġija tas-Sigħat, jew inkella l-Uffiċċju Divin, huwa t-talba kontinwa u ta’ kuljum li l-Knisja bħala l-għarusa ta’ Kristu tagħmel sabiex tqaddes il-ħinijiet differenti tal-ġurnata bit-talb. Xi drabi tintuża l-kelma ‘Brevjar’ minn ‘breviarium’ li bil-Latin tfisser taqsira  tal-Uffiċċju Divin li kien jintalab fil-komunitajiet reliġjużi. Il-mumenti tat-talb huma d-djalogu meditattiv fuq il-misteru ta’ Kristu mibni fuq il-Kelma ta’ Alla u talb u kitbiet oħrajn li nkitbu matul is-sekli u li jiffurmaw it-tradizzjoni tal-Knisja.

Fil-kostituzzjoni dwar il-Liturġija Mqaddsa tal-Konċilju Vatikan II, Sacrosanctum Concilium, insibu li l-Liturġija tas-Sigħat meta tintalab kif jixraq

“issir leħen l-Għarusa nnifisha li tkun qed titħaddet mal-Għarus, anzi jkun ukoll it-talba li Kristu, f’għaqda mal-Ġisem tiegħu, iressaq quddiem il-Missier.”

Sacrosanctum Concilium, par. 84.

B’kollox hemm ħames ‘sigħat’ differenti li huma mibnija b’għażla ta’salmi li jwasslu għall-qari mill-Iskrittura. L-iktar żewġ sigħat bażiċi u importanti huma t-talb ta’ filgħodu li jissejjaħ il-Lawdi u t-talb ta’ filgħaxija li jissejjaħ l-Għasar.

Il-Ħames sigħat tal-Uffiċju Divin huma:

  • It-Talb ta’ Sbiħ il-Jum (il-Lawdi): Dan il-mument huwa sabiex iqaddes sbiħ il-jum u b’hekk jikkonsagra u jiddedika l-ġurnata lil Alla. Din is-siegħa tistedinna biex filwaqt li niċċelebraw ix-xemx tal-ġustizzja niftakru fil-jum ġdid tal-qawmien ta’ Kristu li fih aħna lkoll imsejħin nipparteċipaw.
  • L-Uffiċċju tal-Qari: dan huwa magħmul minn innu, talb bis-salmi u mbagħad ikun hemm żewġ lezzjonijiet, waħda mill-Kelma ta’ Alla u oħra silta minn kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja, dokumenti uffiċjali tal-Knisja jew kitbiet spiritwali.
  • It-Talb ta’ Nofs il-Jum: Dan il-mument ta’ talb jinqasam fi tliet ħinijiet u wieħed jista’ jagħżel ħin wieħed li jaqbel l-aktar ma’ meta t-talb tkun ser tingħad: fid-disgħa ta’ filgħodu, f’nofsinhar jew fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.  L-enfażi f’dawn il-ħinijiet iddur aktar fuq il-mumenti tal-passjoni ta’ Ġesù u anke fuq l-ewwel mumenti tax-xandir tal-Evanġelju. Dan il-mument iservi biex iġedded u jsaħħaħ it-talba kontinwa tagħna.
  • It-Talba ta’ Filgħaxija (l-Għasar): Permezz ta’ dan il-mument il-Knisja, filwaqt li tirringrazzja lil Alla tal-ġurnata, toffri t-talb tagħha bħal inċens li jsir bħal sagrifiċċju ta’ filgħaxija (Salm 141, 2). F’dan il-mument nirringrazzjaw lil Alla.
  • It-Talb ta’ Billejl (il-Kumpieta): Din hija l-aħħar talba fil-liturġija tas-sigħat qabel ma’ wieħed jistrieħ. L-għażla tas-salmi għal dan il-mument huma mimlijin b’fiduċja u telqa fil-Mulej.

Dawn il-ħames mumenti kollha jibdew bil-kliem: “O Alla, ejja eħlisni. Mulej, fittex għinni.” Apparti dawn il-mumenti, hemm ukoll mument ċkejken li jingħad fil-bidu tal-Uffiċċju Divin, proprju qabel is-sigħat l-oħrajn kollha msejjaħ bħala Invitatorium, jew aħjar is-Sejħa għat-Tifħir lil Alla. Dan il-mument jibda bir-responsorju ċkejken: “Mulej iftaħli xufftejja. U fommi jxandar it-tifħir tiegħek.” Intant dan ir-responsorju juri l-qalb u l-atteġġjament tal-Liturġija tas-Sigħat li mhux sempliċiment sforz uman li wieħed jagħmel kontinwament matul il-ġurnata sabiex jitlob imma huwa grazzja minn Alla li jibgħat fina l-Ispirtu qaddis tiegħu u jnissel fina t-tifħir xieraq quddiem il-misteru divin ta’ Kristu.

Filwaqt li l-Liturġija tas-Sigħat hija fdata b’mod speċjali lill-ministri sagri, u b’hekk għandha tingħad minn kull wieħed minnhom, il-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ sabiex il-lajċi wkoll jipparteċipaw f’din it-talba kontinwa u bla waqfien tal-Knisja.

Ta’ spiss fuq il-paġna Behold ikun hemm siltiet mis-salmi li jintalbu f’dik il-ġurnata partikolari. Idħol fil-paġna tal-lum u ħalli lil qalbek titlob permezz ta’ dan is-salm: https://behold.mt/itlob-permezz-tas-salmi/.