Ferja

Żommli, jdejja Mulej

Meta d-dalma tal-lejl
Taqa’ fuqi, Mulej,
Meta għajnejja jitqalu bid-dmugħ.

Rit:
Meta fl-hemm u fl-uġigħ
Fuq spallejk nistrieħ,
Żommli jdejja, Mulej, f’idejk.

Meta waħdi f’tiġrib
Nimxi t-triq tas-salib,
Meta ħbiebi ma jagħrfunix. Rit:

Meta fit-triq għajjien,
Dawl ma nara mkien,
Dawl ta’ ħajti kun int, Mulej. Rit:

Xmara ta’ mħabba

Xmara, xmara ta’ mħabba
Xmara ta’ ilma frisk u ħaj.
Xmara, xmara ta’ mħabba
Xmara ta’ ħajja u fejqan.

Ħierġa kollha qawwa minn Kristu
Ħierġa minn ġol-qalb ta’ Ġesù
Riesqa biex tmissilna ħajjitna
Niftħulha l-bieb
Ħa jidħol rebbieħ Ġesù Kristu.

Tina l-Ħlewwa

’Tina l-ħlewwa tal-ilsna tas-sema
Biex il-ġieħ li jixraqlek nagħtuk
Qalb ħanina li tagħder, li taħfer,
Kif ħabbejtna nixtiequ nħobbuk.

Rit:
Qalb imqaddsa ta’ Ġesù
Li berikt it-tfal ċkejknin,
Kebbes fina n-nar ta’mħabbtek,
Żommna miegħek imħaddnin.

Biex tifdina mill-jasar ewlieni
Ta’ Missierek l-għamara ħallejt,
Int li tgħaxxaq is-sema bi ġmielek,
Ta’ suritna fil-faqar inħbejt. Rit:

L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna
Meta b’daqqa ta’ lanza nifduk.
Int għallimtna tan-niket il-hena,
Int għallimtna fil-hemm inberkuk. Rit:

Tini Lsien

Tini lsien ħa nkantalek filgħodu
Tini lsien ħa nkantalek llum
Tini lsien ħalli nibqa’ nkantalek
Inkantalek sa għeluq il-jum.

Rit:
Kbir hu Alla, kbir hu Alla
Kbir hu Alla
Fuq kull m’hawn maħluq
Kbir hu Alla, kbir hu Alla
Kbir hu Alla fuq kulħadd.

Tini lsien ħalli nfaħħrek filgħodu
Tini lsien għal mal-lejl ukoll
Tini lsien ħa noffrilek kull ħaġa
Kull ma nagħmel
Waqt il-ħin tax-xogħol. Rit:

Tini lsien ħalli nqimek filgħodu
Tini lsien għal wara nofs inhar
Tini lsien ħalli nibqa’ nqimek
Sa ma jgħib dak il-ballun tan-nar. Rit:

Tkun Imbierek Mulej

Rit:
Tkun imbierek,
Mulej għal dejjem
U imbierek l-isem qaddis tiegħek.
Alleluia, alleluia.

Int li ħlaqt is-sema u l-art
Alla kbir, Mulej, Int Alla l-għoli,
Sultan qawwi.
Tkun imbierek, Mulej. Rit:

Salvatur li fdejtna lkoll,
Int li ’ttina ħajja u tama ġdida,
Qaddis qawwi.
Tkun imbierek, Mulej. Rit:

Int, Mulej, li tħobbna lkoll,
Tħares lejna b’ħarsa kollha ħniena,
Kollok tjieba.
Tkun imbierek, Mulej. Rit:

Tneżżajt mill-ġmiel u l-maestà

Tneżżajt mill-ġmiel u l-maestà
Baxxejt rasek b’umiltà
Minn dawk stess soffrejt
Li ħlaqt u tant ħabbejthom
Fuqek stess dnubieti rfajt
Meta mitt u rxuxtajt
Iva ssaltan Int
Merfugħ fuq l-art u s-sema.

Minn qalbi rrid inqimek, o Mulej
Bi mħabbtek int irbaħtni, o Feddej
Għal dejjem ta’ dejjem, nibqa’ nħobbok
U għalija mitt Int waħdek biss
Ħajtek tajt biex lili ħlist
Leħni ngħolli lejk, Ġesù irrid inqimek.

Waslet is-siegħa

Jien se nagħtikom kmandament ġdid
Li tħobbu ’l Alla u lil xulxin
Minn dan jagħrfukom
Li lkoll intom tiegħi
Jekk tħobbu ’l-aħwa
Kif ħabbejtkom jien.

Waslet is-siegħa, Missier qaddis
Biex int issebbaħ lill-Iben tiegħek
Għax din hi l-ħajja
Li jagħrfu lkoll lilek
Biex dawk li tajtni
Jgħixu lkoll miegħek.

Missier qaddis, ħarishom f’ismek
Dawk l’ inti tajtni, nitlob għalihom
Kif int bgħatt lili
Hekk jien nibgħat lilhom
Għax jien ħabbejthom
Kif ħabbejtni int.

U għal dawk kollha li jemmnu fija
Kif inti fija u jiena fik
Hekk huma jkunu ħaġa waħda fina
Biex il-ferħ tagħhom ma jispiċċa qatt.

Tħallix xi jtaqqlek

Tħallix xi jtaqqlek
Tħallix xi jbeżżgħek.
Min għandu ’l Alla ma jonqsu xejn.
Tħallix xi jtaqqlek
Tħallix xi jbeżżgħek
Alla waħdu kollox

The kingdom of God

The kingdom of God is justice and peace
And joy in the Holy Spirit.
Come Lord, and open in us
The gates of your kingdom

Ruħi tfaħħar

Rit:
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej
U l-Ispirtu tiegħi jifraħ
F’Alla s-Salvatur tiegħi.

Għaliex hu xeħet għajnejh
Fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem
Kull nisel isejjaħli hienja. Rit:

Għax is-Setgħani għamel miegħi
Ħwejjeġ kbar
Qaddis hu l-isem Tiegħu. Rit:

Il-ħniena Tiegħu tinfirex f’kull żmien
Fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
U xerred lil dawk imkabbra f’qalbhom. Rit:

Niżżel il-għonja minn fuq it-tron tagħhom,
U għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
U l-għonja bagħthom ’il barra b’xejn. Rit:

Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu,
Għax ftakar fil-ħniena tiegħu,
Bħalma wiegħed lil Abraham
U nislu għal dejjem. Rit: